Home Easter 2008 Back

Ħarġa mat-tfal ta' l-ewwel u t-tieni sena.

Nhar il-Ħamis 13 ta' Marzu, it-tfal ta' l-ewwel u t-tieni sena għalqu it-tieni term bi kbir! Flimkien ma' l-għalliema tagħhom; (Ms. Dorianne, Ms. Maria, Ms. Josette u Ms. Doris - bl-għajnuna ta' Ms. Gillian u Ms. Debbie) it-tfal rħewlha lkoll lejn il-knisja parrokkjali ta' Ħal Luqa u wara lejn il-ġnien pubbliku ta' Wied il-Għajn fejn huma kielu u lagħbu ma' sħabhom.

Fil-knisja parrokkjali ta' Ħal Luqa t-tfal setgħu jammiraw l-istatwi tal-ġimgħa Mqaddsa li kienu għall-wiri. Iżda minn barra li nieħdu gost bil-ġmiel artistiku ta' dawn ix-xbihat, il-qofol ewlieni taż-żjara tagħna f'din il-knisja kien li nsaħħu t- tagħlim dwar l-istorja tal-Passjoni ta' Sidna Ġesu'. Sa minn eta' daqshekk tenera, it-tfal segwew lill-għalliema tagħhom b'interess kbir meta dawn spjegawlhom x'kienet tirrapprezenta kull statwa. M'hemmx għalfejn ngħidu… ma naqsux ukoll il-mistoqsijiet - li fl-aħħar mill- aħħar huma xhieda ta' kemm dawn it-tfal huma għatxana biex isiru jafu dejjem aktar dwar Ġesu'.

Qabel ħallejna l-knisja, kull tifla ippreżentat it-talb u x-xewqat tagħha quddiem Ġesu'. Xi wħud tefgħulu xi bewsa, sabiex tpatti ftit għat-tbatija li kellu jbati għalina fuq is-salib. Żgur li dawn il-mumenti ta'riflessjoni quddiem ix-xbihat mqaddsa esposti fil-knisja servew biex xi ftit jew wisq idaħħlu lit-tfal fl-ispirtu xieraq tal-Gimgħa l-Kbira u tal-festi ta' l-Għid li ġejjin.