Iż-żmien ma damx ma sar diffiċli ħafna, speċjalment is-snin 1983-84. Il-liġijiet tal-Gvern bdew ikunu ibsin għall-iskejjel. Liskejjel tal-Gvern kienu sejrin lura. Imma nħolqot problema kbira ħafna biex is-sorijiet ikunu jistgħu jżommu l-iskejjel tagħhom għax meżżi biex iżommuhom ma kellhomx. Imma, għalkemm qalb it-tbatija, l-iskola tal-Gudja ma għalqitx.
Ir-relazzjonijiet dwar il-kunvent tal-Gudja juruna li, billi l-ħidma ewlenija kienet l-iskola, xi diffikuitajiet kien hemm proprju minħabba f'hekk. Fis-snin 1983-87, il-post kien għadu jinħass żgħir. Is-sorijiet lanqas biss ma kellhom il-kamra personali tagħhom. Barra minn hekk, ma setgħux jaċċettaw dawk it-tfal kollha li l-ġenituri tagħhom riedu jibagħtuhom f'dik l-iskola. Is-sorijiet xejn ma kienu sodisfatti b'dik il-parti fejn it-tfal kienu jilagħbu għaliex, meta tkun ix-xita, kien qed jidhol ħafna ilma. Imbagħad, dik il-parti ġiet modifikata b'mod li setgħet tintuża mit-tfal f'kull xorta ta' temp.
Il-post tas-sorijiet u l-iskola tal-Gudja għaddew minn ħafna diffikultajiet tul is-snin tmenin. Kien hemm x'jiġi rranġat fil-kostruzzjoni u fl-immoderniżżar tiegħu. Il-perit, iI-Madre Provinċjali, u l-Ekonoma marru ta' sikwit fil-post ħalli jaħdmu biex jiġi rranġat għall-aħjar. Imma d-dar tas-sorijiet kienet qed isservi għal skopijiet oħrajn ukoll. Mill-1988, il-post tas-sorijiet tqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni ta' dawk li organiżżaw laqgħat vokazzjonali djoċesani. Imma, fi żmien qasir, bdiet tinħass il-problema ta' nuqqas ta' vokazzjonijiet fost is-sorijiet.
Fl-1990, mill-erba' sorijiet li kien hemm, tnejn biss kienu jgħallmu. Il-futur ta' i-iskola beda jinħass inċert. Imma huma għamlu ħilithom biex dik tagħhom tkun skola nisranija tassew. F1-1991 , ġie kkummentat li r-relazzjonijiet mal-ġenituri u l-għalliema lajċi kienu tajbin ħafna. L-iskola baqgħet l-għan ewlieni tal-preżenza tagħhom fil-post. Fl-1992, Sor Govanna Saliba, id-Direttriċi, kienet tmexxi b'sens ta' responsabbiltà kbira. Għalkemm tistqarr li kien hemm kollaborazzjoni kbira min-naħa ta' l-għalliema lajċi, kien mixtieq ħafna li sorijiet ikun hemm iżjed. Madankollu, il-viżti li saru, kemm min-naħa tal-Madre Ġenerali kif ukoll minn dik Provinċjali jew minn xi delegata oħra, juru li l-post, għalkemm kellu l-limitazzjonijiet tiegħu, kien addattat ħafna u l-iskop edukattiv kien jintlaħaq tajjeb. Kienet verament ħidma li tista' tissejjaħ appostolat għax is-sorijiet qdewha b'responsabbiltà, serjetà, u mħabba. Imma, fl-1993, il-problema tas-sitwazzjoni minħabba l-liġijiet tal-Gvern kienet tinħass, u s-sorijiet, għalkemm iddiskutewha, ma kienu qed jaslu għall-ebda soluzzjoni konkreta.